Dwar l-Allerġiji
Kun af aktar dwar l-allerġiji tal-ġilda u fittex prodotti li huma adattati għalik
Kif nistgħu ngħinuk rigward l-allerġiji
Din il-paġna tgħidlek kollox rigward l-allerġiji tal-ġilda u kif tidentifika l-prodotti li jistgħu jkunu adattati għalik.
Xi ingredjenti jistgħu jikkawżaw reazzjonijiet allerġiċi f'numru żgħir ta’ nies u aħna nirsistu ħafna biex niżguraw li qed nużaw l-inqas ammont possibbli ta' dawn l-ingredjenti. Xi ingredjenti huma importanti wisq biex jitħallew barra minħabba l-funzjoni tagħhom u l-benefiċċju għall-biċċa l-kbira tal-konsumaturi.
Aħna niddeċiedu x’jidħol fil-prodotti tagħna fuq il-bażi ta’ tliet affarijiet: dak li jippreferu n-nies, il-kontrolli tas-sikurezza tagħna stess u r-regolamenti tal-pajjiżi li fihom il-prodotti tagħna huma kkummerċjalizzati.
Nafu li l-informazzjoni dwar l-allerġeni hija importanti għan-numru żgħir ta’ nies li jistgħu jkunu sensittivi għal ċerti ingredjenti. Huwa għalhekk li nagħtu informazzjoni ċara dwar dak li hemm fil-prodotti tagħna.
Liema prodotti tista' tuża jekk għandek allerġija?
Numru żgħir ta’ nies jistgħu jsiru allerġiċi għal ċerti ingredjenti tal-fwieħa. Għalhekk, l-għan tagħna huwa li nipprovdu l-informazzjoni dwar il-preżenza tal-allerġeni tal-fwieħa lill-konsumaturi tagħna fuq il-pakkett jew permezz tas-sapport għall-klijenti tagħna. U fl-Ewropa ħloqna database biex tgħin lin-nies isibu l-prodotti li jistgħu jkunu adattati. Sir af aktar dwar 'X'hemm fil-prodotti tagħna' fil-pajjiż tiegħek.
Jekk m'intix ċert dwar jekk għandekx allerġija għal ingredjent tal-fwieħa, inti għandek tikseb parir mingħand professjonist ikkwalifikat fil-kura tas-saħħa.
X'inhi allerġija?
Is-sistema immunitarja tagħna żżommna b’saħħitna billi tiġġieled kontra kull ħaġa ta’ ħsara li tidħol f’ġisimna – bħall-batterji u l-viruses. Allerġen huwa xi ħaġa li ġeneralment ma tagħmilx ħsara imma s-sistema immunitarja tiegħek tirreaġixxi għaliha qisha hija ta’ theddida. Normalment inti tkun espost għal xi ħaġa diversi drabi qabel iseħħ dan. Imma ladarba jseħħ dan, normalment inti jkollok dik l-allerġija tul ħajtek kollha.
Reazzjonijiet allerġiċi fuq il-ġilda tiegħek ħafna drabi jdumu ftit biex jidhru – ġeneralment 24-48 siegħa wara li tkun ġejt f'kuntatt mal-allerġen. Din tista’ tisma’ lil min isejħilha ‘ipersensittività ttardjata’, ‘allerġija tat-tip IV’ jew ‘allerġija ta’ kuntatt’. Ħafna mill-informazzjoni t’hawnhekk hija dwar din it-tip ta’ allerġija, minħabba li ħafna mill-prodotti tagħna b'xi mod jistgħu jmissu mal-ġilda tiegħek
Kif insir allerġiku għal xi ħaġa?
Hemm żewġ stadji:
- L-ewwel, ġismek jagħraf allerġen u jsir sensittiv għalih. F'dan il-punt, m'hemm l-ebda sintomi ovvji, imma l-bidla fis-sistema immunitarja tiegħek hija permanenti.
- Jekk ammont għoli biżżejjed tal-allerġen jerġa' jmiss mal-ġilda tiegħek, hemmhekk huwa meta tibda tara s-sintomi ta’ reazzjoni allerġika.
X'inhuma s-sintomi ta' reazzjoni allerġika?
Reazzjonijiet allerġiċi normalment jidhru 24-48 siegħa wara li tiġi f'kuntatt ma’ allerġen. Tista' tara ħmura jew raxx, nefħa, infafet, tixrib, formazzjoni ta’ qxur u ħakk. Jekk inti allerġiku għal xi ingredjent, tista’ tkun allerġiku wkoll għal affarijiet simili. Dermatologu jista’ jgħidlek liema ingredjenti oħra, jekk ikun hemm, jista’ jkollok bżonn tevita.
Tħallatx l-irritazzjoni tal-ġilda għal reazzjoni allerġika
Sintomi bħal ħmura mhux dejjem ikunu kkawżati minn allerġija. Jekk il-ġilda tiegħek tkun irritata, tista’ tidher simili ħafna għal reazzjoni allerġika. Ħafna drabi jkollok bżonn tkellem dermatologu għal dijanjosi preċiża. B’ġilda rritata, inti tara ħmura simili jew raxx, nefħa u ħakk. Jista' jkollok ukoll tagħfis, uġigħ, tnemnim jew ħruq. Dan kollu ġeneralment jitfaċċa wara ftit sigħat mill-kuntatt ma’ dak li jkun ikkawżah. Imbagħad il-ġilda tiegħek tista’ tixxotta jew tixxaqqaq.
Iżda hemm differenza waħda u kbira bejn irritazzjonijiet tal-ġilda u reazzjonijiet allerġiċi – l-effetti tal-irritazzjoni tal-ġilda mhux dejjem jerġgħu jseħħu, anki jekk tuża l-istess prodott fuq l-istess parti tal-ġilda. Imma ladarba ssir allerġiku għal ingredjent, ammont għoli biżżejjed minnu dejjem se jikkaġuna lis-sistema immunitarja tiegħek li terġa' tirreaġixxi bl-istess mod.
Liema ingredjenti jikkawżaw reazzjonijiet allerġiċi?
Ħafna allerġeni jidhru b'mod naturali fil-ħajja ta’ kuljum. Allerġeni tal-pjanti bħal-liedna velenuża u metalli bħall-kromju u n-nikil huma eżempji tajbin – studju reċenti wera li bejn wieħed u ieħor 14 % tan-nies fl-Ewropa għandhom allerġija għall-kuntatt man-nikil.
L-istess studju wera li inqas minn 2 % tan-nies fl-Ewropa huma allerġiċi għal ingredjenti li ssib fil-fwejjaħ. Barra minn hekk, numru żgħir ta’ nies huma allerġiċi għall-preservattivi u l-ingredjenti taż-żebgħa tax-xagħar.
X'nagħmel jekk naħseb li għandi allerġija tal-ġilda?
Jekk tagħraf is-sintomi li elenkajna u taħseb li jista’ jkollok allerġija tal-ġilda, kellem lit-tabib jew li-dermatologu tiegħek. Hija idea tajba li tagħmel lista tal-prodotti kollha li użajt ftit qabel ir-reazzjoni allerġika tiegħek. Jekk tista’, ħu l-prodotti u l-pakketti miegħek sabiex it-tabib tiegħek ikun jista’ jara x’hemm fihom.
Id-dermatologu jwettaq xi testijiet biex jiskopri l-kawża tar-reazzjoni. Huwa jeżaminak u jistaqsik xi mistoqsijiet dwar is-sintomi tiegħek u meta ġraw. Jista’ wkoll iwettaq test epikutanju bil-prodotti li użajt jew bl-ingredjenti speċifiċi li hemm fihom.
Ladarba tkun taf għal xiex inti allerġiku, tkun tista' toqgħod attent għalih meta tqis il-listi tal-ingredjenti u b’hekk tevitah. Oqgħod attent rigward il-prodotti foloz – mhux dejjem tista' tkun ċert x'hemm fihom.
Aħna nistgħu ngħinu lilek u lit-tabib tiegħek tiskopru għal xiex int allerġiku. Minbarra li nagħtuk informazzjoni dwar x'hemm fil-prodotti tagħna, aħna kuntenti li nibagħtu kampjuni li t-tabib tiegħek jista’ juża fit-testijiet epikutanji – sempliċement agħmel kuntatt magħna (Tiftaħ f'tieqa ġdida).
Il-fwejjaħ jikkawżaw l-allerġiji?
Hemm numru żgħir ta’ ingredjenti tal-fwieħa li ġew identifikati li potenzjalment jstgħu jikkawżaw allerġiji tal-ġilda.
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwieħa tirregola l-mod kif nużaw dawn l-ingredjenti. F'Unilever, aħna nippruvaw nużaw inqas minnhom u nużawhom f'livell aktar baxx mill-istandard tal-industrija. Fl-Ewropa aħna nikkonformaw mar-Regolament tal-UE dwar il-Kożmetiċi li jipprovdi lista ta’ 26 ingredjent tal-fwieħa li jitqiesu bħala allerġeni, u li kollha huma elenkati fil-lista tal-ingredjenti fuq it-tikketta jew il-pakkett tal-prodott.
Issa qed noffru wkoll database li tista' tfittex fiha, biex ngħinu lil kull min għandu allerġija għal xi wieħed mill-ingredjenti, biex ifittex il-prodotti li jistgħu jkunu adattati għalih.
Xi ngħidu dwar il-preservattivi?
Il-preservattivi huma importanti – jiżguraw li l-prodotti tagħna jkunu sikuri biex jintużaw sal-aħħar tal-ħajja tagħhom fuq l-ixkaffa billi jipprevjenu t-tkattir tal-batterji u l-moffa. Aħna nużaw il-preservattivi biss meta jkunu assolutament meħtieġa, u dejjem fl-iżgħar ammont li nistgħu nużaw. Imma għal darb'oħra, xi ftit nies jistgħu jkunu allerġiċi għal ftit minn dawn l-ingredjenti.
Kif nista’ niżgura li m’iniex allerġiku għaż-żebgħa tax-xagħar?
Numru żgħir ta’ nies huma allerġiċi għaż-żebgħa tax-xagħar. F'każijiet rari, in-nies jistgħu saħansitra jkunu jeħtieġu trattament mediku serju wara r-reazzjoni. Għalhekk huwa importanti li tittestja ż-żebgħa 48 siegħa qabel ma tagħti l-kulur lix-xagħar tiegħek fid-dar jew fis-salon – anki jekk użajt l-istess sfumatura ħafna drabi qabel. Sempliċiment agħmel ftit fuq il-ġilda tiegħek u stenna biex tara jekk tirreaġixxix.
Imma xi ingredjenti huma importanti wisq biex jitħallew barra minħabba l-funzjoni tagħhom u l-benefiċċju għall-biċċa l-kbira tal-konsumaturi. Imma nafu li l-informazzjoni dwar l-allerġeni hija importanti għal dak il-persentaġġ żgħir ta’ nies li jistgħu jkunu sensittivi għal ċerti ingredjenti. Huwa għalhekk li aħna nagħtu informazzjoni ċara dwar x'hemm fil-prodotti tagħna.
Ċaħda ta' Responsabbiltà Medika
Il-kontenut kollu li jinstab f’dan il-Websajt (inklużi t-test, l-istampi, jew formati oħra) inħoloq għal skopijiet informattivi biss. Il-Kontenut mhuwiex maħsub biex ikun sostitut għal parir, dijanjosi, jew trattament mediku professjonali. Dejjem ikseb il-parir tat-tabib tiegħek jew ta' fornitur tal-kura tas-saħħa kkwalifikat ieħor rigward kwalunkwe mistoqsija li jista' jkollok dwar xi kundizzjoni medika. Qatt m’għandek tinjora parir mediku professjonali jew tittardja biex tiksbu minħabba xi ħaġa li tkun qrajt f’din il-Websajt.
Jekk taħseb li jista' jkun li għandek emerġenza medika, minnufih ċempel lit-tabib tiegħek, mur fid-dipartiment tal-emerġenza, jew ċempel għall-ambulanza. Unilever ma tirrakkomandax u ma tapprovax it-testijiet, proċeduri, informazzjoni, jew opinjonijiet oħra speċifiċi li jistgħu jissemmew f’din il-websajt. Links għal kontenut edukattiv mhux maħluq minn Unilever tużahom b’riskju għalik.
Fittex għall-allerġeni tal-fwieħa
Numru żgħir ta’ nies jistgħu jsiru allerġiċi għal ċerti ingredjenti tal-fwieħa.
Jekk taf liema ingredjent tal-fwieħa inti allerġiku għalih, aħna nistgħu nuruk prodotti li jistgħu jkunu adattati għalik biex tużahom. Sempliċement agħżel l-ingredjent u l-marka billi tuża l-għodda pprovduta.